PROVINCJAL ZGHAZUGH – PATRI JUAN DEBONO



1.    Il-ġenituri tiegħek kienu midħla sew tal-Kunvent tagħna Santa Tereża, Bormla. Taħseb li dan kellu influwenza fuq l-għażla tiegħek meta ġejt biex tiddixxerni s-sejħa tiegħek bħala patri Tereżjan?

Qabel ma nirrispondi għal din id-domanda, tajjeb illi mmorru lura fl-istorja, u eżattament wieħed u ħamsin sena ilu, meta missieri u ommi ġew lura mill-Ingilterra fejn missieri kien segwa u temm kors ta’ erba’ snin ġewwa Londra. Meta ġew lura, ommi u missieri bħala koppja, flimkien mat-tifel il-kbir tagħhom (li dak iż-żmien kellu 6 snin) kienu jmorru l-parroċċa ta’ Bormla għall-quddies ta’ kuljum. Ħija minn jeddu mar talab li jidħol abbati hemm, imma malli sema’ b’dan, iz-ziju li kien qassis hemm, kien issuġġerixxa lil ommi li ma tħallihx jidħol abbati hemm, peress li t-tfal kienu mqarbin. Dan wassal biex ħija jfittex minn jeddu knisja oħra fejn seta’ jidħol abbati, u l-Bambin ried li jmur Santa Tereża fejn iltaqa’ mal-mibki P. Benjamin, patri twajjeb li kien iħobb ħafna l-Ordni tagħna u l-vokazzjonijiet.

Il-fatt li ħija daħal abbati Santa Tereża, wassal biex il-ġenituri tiegħi bdew imorru għall-quddies hemm ukoll. Sena wara twieled ħija l-ieħor Miguel u eventwalment tliet snin wara jiena. Aħna t-tlieta konna abbatini hawnhekk. Fil-komunità numeruża ta’ Bormla ta’ dak iż-żmien kien hawn fl-ewwel tfulija tiegħi fost l-oħrajn żewġ patrijiet żgħar fl-età, P. Victor u P. Alfred Debono. Iż-żminijiet kienu differenti minn dawk tal-lum u s-soċjetà kienet għalkollox differenti. Konna ‘l fuq minn għoxrin abbati u madwar tletin tfal oħra kienu fil-kor immexxi minn P. Redent. Tista’ timmaġina l-attività kollha li kien hawn iddur mal-kunvent. Illum wara dawn is-snin kollha niskanta kif jiena biss dħalt patri. Patri Victor kien żera’ f’qalbna mħabba profonda lejn S. Tereża, speċjalment hekk kif qorob iċ-ċentinarju ta’ S. Tereża fl-1982. Jiena ssaħħart mill-ħajja ta’ S. Tereża, u kien proprju fl-1982, wara l-festa solenni tal-Omm tagħna S. Tereża li jiena qtajtha li xtaqt b’qawwa kbira inkun iben ta’ din il-mara ġganta, avolja ma jixraqlix li nkun parti mill-familja tagħha. Dik l-istess sena kont mort mal-abbatini l-Vatikan, u kien wara dik l-esperjenza u wara l-Festa li semmejt li qtajtha li jekk jista’ jkun ma ndumx ma nħaddan din il-familja. Kien għad kelli 12-il sena. Nirrepeti, jiena niskanta kif jista’ wieħed li jisma’ bil-ħajja u bil-kitbiet tal-Omm tagħna S. Tereża, ma jagħżilx b’mod naturali li jkompli fiż-żminijiet tagħna jgħix dak l-istess stil ta’ ħajja!

Għalhekk biex nirrispondi għad-domanda tiegħek, nista’ ngħid li le, il-fatt li l-ġenituri tiegħi kienu midħla tal-kunvent u l-fatt li ħija l-kbir kien ġa daħal il-kunvent (meta jiena kelli 7 snin) ftit li xejn influwenzani biex inħaddan din il-ħajja. Kienet S. Tereża u l-ħajja movimentata tagħha li ġennietni u li wasslitni biex ma nikkonsidrax toroq oħra attraenti li kelli quddiemi, biex ngħix bħal u ma’ S. Tereża. Nistgħu nsejħulha ‘love at first sight’, u l-ewwel imħabba ma tinsieha qatt u ma tħassarha b’xejn.

Barra li aħna reliġjużi, aħna naqdu l-ministeru saċerdotali, u f’din l-għażla nista’ ngħid li l-akbar influwenza kienet miz-ziju li dejjem kont nammirah biż-żelu tiegħu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu bhala saċerdot djoċesan, l-aktar permezz tal-qrar. P. Elija, imbagħad, li kien is-surmast tan-novizzjat tiegħi, għinni mhux ftit biex nasal li nagħmel dan it-tieni pass li kont narah wisq għoli (u ma jixraqlix) għalija, jiġifieri li nimxi għas-saċerdozju.

Kont tlabt lilek (P. Piju) li kont Provinċjal ħabrieki, li nidħol patri meta kont għadni lanqas għalaqt is-16, u x-xewqa kienet ilha ċara issa erba’ snin. L-ambjent ta’ madwari (familja, skola, duttrina u komunità tal-patrijiet ta’ Bormla) kollha appoġġjaw bil-qawwi l-għażla tiegħi. Sempliċiment kelli nistenna li nagħlaq is-17, żmien li rajtu eternità. Kien għalhekk li P. Benjamin kien ħeġġiġni nibda niġi l-weekends, u hekk bdejt nagħmel malli għalaqt is-16. Is-sena tan-novizzjat ma‘ P. Elija kienet sena li ma ninsa qatt. Kull ħin kont inħossni fil-ġenna u l-istess fis-snin ta’ wara ġewwa Brescia u eventwalment Ruma. Xejn ma nbidel minn dakinhar ‘l hawn, ħlief li nhar l-14 ta’ Settembru fid-9.10 ta’ filgħaxija ltqajt ma’ S. Eliżabetta tat-Trinità. Meta naħseb fuq din l-kbira oħtna, id-dmugħ jaqbiżli minn għajnejja. Ma niqafx naħseb fuqha, nammiraha u nkellimha.

 

2.     Inti għandek imħabba kbira lejn il-Qaddisa Tereżjana, Swor Eliżabetta tat-Trinità, tant li għamilt it-teżi dottorali tiegħek fuqha. Minn fejn nibtet din l-imħabba lejn din il-Qaddisa? Tista’ taqsam magħna l-qofol tal-messaġġ taghha?

Iva, hi aktar minn imħabba. Jekk S. Tereża hi ‘l-first love’ tiegħi, Eliżabetta hi dik li magħha nħobb inqatta’ dawn l-erbat ijiem li għandna fuq din l-art. Dejjem noħlom biha u b’Dijon (fejn għexet hi) u meta nkun hemm qalbi tkun se toħroġ bil-ferħ. Hemm noqgħod fil-knisja parrokkjali fejn kienet tattendi hi u fejn issa hemm ir-relikwi tagħha, u meta nkun hemm ħdejha ma nkun nista’ ninqata’ bl-ebda mod minn magħha, ħlief meta ta’ bilfors ikolli nitlaq filgħaxija peress li tkun se tagħlaq il-knisja. X’nagħmel meta nkun hemm? Xejn, inħares lejha u naqra xi silta mill-kitbiet tagħha. Darba għaddejt lejl sħiħ fil-knisja (bil-permess tal-kappillan). Kien il-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Novembru, il-lejl li fih kienet mietet 111-il sena ilu (1906). Kont niltaqa’ b’mod regulari mat-tfal ta’ oħtha u dejjem wieħed minnhom kien jospitani meta nkun Dijon, u mmur fuq il-qabar ta’ ommha u ta’ missierha kull meta mmur Dijon.

Din l-imħabba kif għedt bdiet eżattament dakinhar tal-14 ta’ Settembru 1988, l-ewwel jum tan-novizzjat meta bdejt naqra l-ktejjeb dwar ħajjitha miktub minn P. Anselmu u P. Wistin, b’inizjattiva tiegħek (P. Piju) bħala Provinċjal. Erba’ snin qabel, Eliżabetta kienet ibbeatfikata minn San Ġwanni Pawlu II, Qaddis li mhux biss kien devot kbir tagħha, imma li ta’ kuljum kien jitlobha bil-qalb takkumpanjah fil-Ministeru Petrin tiegħu. Din l-informazzjoni nafha minn min kien midħla sew tal-Papa, li kellu qalb Tereżjana.

L-istudju dwarha kien biss konsegwenza ta’ dak li nħoss għal din oħtna. Nixtieq kieku għandi mqar ħames mitt sena quddiemi fejn noqgħod kwiet kwiet nistudja aktar u aktar il-ħsieb tagħha. Forsi jiena miniex normali, imma nintilef fil-kitbiet tagħha. Inħossha li tikteb eżattament dak li l-bniedem għandu bżonn jisma’, jiġifieri li Alla ħalaqna għax iħobbna u qiegħed isejħilna biex ngħixu f’komunjoni miegħu, Hu li jgħammar fil-qalb tagħna, kif wegħdna fl-Evananġelju meta qal, “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14,23).

Kien għad kellha ħdax-il sena, meta l-Madre tal-Monasteru ta’ Dijon, Madre Marija kienet tatha l-ispjega ta’ malajr tal-isem tagħha: ‘Eliżabetta jfisser Alla jgħammar fina’ (fil-fatt Eliżabetta jfisser Alla ftakar). Eliżabetta ta’ tifla riflessiva u sensittiva li kienet baqgħet taħseb fuq dan u bdiet trawwem lilha nnifisha biex tgħix miegħu biss fil-qiegħ ta’ qalbha. Kien id-Dumnikan P. Vallée li aktar tard fehemha kif Alla jgħammar ġewwa fina. Wara li semgħet din l-ispjega, Eliżabetta ma fittxet xejn aktar milli tmur taqbeż u tintilef f’dan Alla li bhal oċean bla qiegħ qiegħed idawwarha u jgħannaqha miegħu. “Jidhirli li sibt is-Sema fl-art”, tikteb, “peress li s-Sema, hu Alla, u Alla jgħammar f’ruħi. Il-jum li għaraft dan, kollox ġie mdawwal ġewwa fija u jiena nixtieq ngħid dan is-sigriet lil dawk li nħobb ħalli huma wkoll, permezz ta’ kollox, jingħaqdu dejjem ma’ Alla, u titwettaq din it-talba ta’ Kristu: ‘Missier, agħmel li huma wkoll ikunu jistgħu jiġu kkunsmati fil-Wieħed ’ (qabbel Ġw 17,23)” (Ittra 122). Ftit qabel ma mietet, Eliżabetta tistqarr li din id-duttrina kienet ix-xemx li dawlitilha ’l ħajjitha. U ngħiduha kif inhi, kif tista’ tibqa’ dejjem hieni fil-ħajja jekk ma jkollokx din il-fidi soda?

Issa għalhekk inqis lil Eliżabetta u l-messaġġ tagħha tant hu prezzjuż u neċessarju fi żminijietna, aktar minn qatt qabel. F’soċjetà fejn l-uniku alla li l-bniedem qieghed jadura huma l-flus u l-pjaċiri, Eliżabetta qiegħda tgħajjat li l-veru ferħ insibuh BISS meta niskopru dan is-sigriet, jiġifieri li Alla Tliet Persuni jgħammru fil-qalb tagħna, fejn għandhom is-sede tagħhom, l-uffiċċju ewlieni fuq din l-art. Eliżabetta għalhekk intelqet bħal priża f’ħalq dan Alla u ħalliethom jagħmlu biha dak li xtaqu huma, bħalma għamlet il-Madonna, li Eliżabetta tant kienet tħobb. U l-Ispirtu biddilha b’mod gradwali fix-xbieha ta’ Kristu f’konformità miegħu, b’mod u manjiera li meta l-Missier kien jħares lejha ma kienx jara fiha ħlief ’il-wiċċ uman tad-Divinità: Ġesù Kristu. Kompletament mitluqa f’idejn Alla hu l-aqwa mod kif niddeskrivu lil Eliżabetta.

Jiena malli bdejt naqra fuq Eliżabetta, 29 sena ilu bqajt immeraviljat b’din l-esperjenza mistika ta’ waħda bħalna u kif għedt nixtieq biss inkun naf aktar ’l Alla permezz tagħha. L-unika problema hu l-fatt li l-ħajja hi qasira wisq biex napprofondixxi biżżejjed il-ħsieb u t-tagħlim tagħha, imma dan ma jaqtagħlix qalbi għax jekk permezz tagħha nsalva, żgur li fil-ħajja li ġejja jkolli żmien biżżejjed biex nitgħallem aktar dwar Alla, kif kienet tafu hi nnifisha waqt ħajja qasira ta’ biss 26 sena.

Is-16 t’ Ottubru 2016 hemm kont quddiem nett nisma’ lill-Papa Franġisku jiddikjara lil Eliżabetta bħala Qaddisa. Dik kienet l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti. L-ebda ġurnata oħra, lanqas dik tal-ordinazzjoni saċerdotali ma toqgħod ħdejn dak li hassejt dakinhar. Kienet ħolma li dejjem xtaqt li nassisti għaliha u li qatt ma mmaġinajt li qatt kien se jkolli din ix-xorti li nassisti direttament għaliha. Mhix ħaġa taċ-cajt li tfajla tintilef f’Alla bħalma ntilfet Eliżabetta, u ma nieqaf qatt nimmeravilja ruħi b’dan.

 

3.     Il-patrijiet sħabek għażluk biex tkun superjur tal-erba’ kunventi li għandhom il-Patrijiet Tereżjani f’Malta. Kull wieħed minnhom għandu l-fiżjonomija  tiegħu. Tista’ taqsam magħna liema huma l-karatteristiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-kunventi?

Iva, kif qiegħed tgħid sew int, aħna għandna erba’ kunventi Malta u wieħed Toronto. Għall-grazzja ta’ Alla matul is-snin bħala patri kont fl-erba’ kunventi tagħna ta’ Malta u kont ukoll Superjur fi tlieta minnhom u għalhekk naf ftit kif jaħdmu. Ngħid mal-ewwel li f’kull kunvent dejjem kont kuntent, u ma hemm l-ebda wieħed li nħobbu aktar mill-oħrajn. Bormla naturalment għax trabbejt fih ifakkarni fi tfuliti u f’dik l-imħabba lejn Santa Tereża.

L-erba’ kunventi tagħna għandhom fiżjonomija wieħed differenti mill-ieħor u għalhekk kull wieħed hu importanti. L-aktar li aħna t-Tereżjani magħrufin huwa minħabba s-Santwarju li għandna ġewwa B’Kara. Din hi l-akbar knisja ġewwa Malta u għadha ffrekwentata sewwa, ukoll jekk dawn l-aħħar ftit snin l-attendenza fil-knejjes kollha tad-djoċesi naqset drastikament. Bormla mbagħad hi d-dar tal-formazzjoni. Hemmhekk dawk iż-żgħażagħ li huma mħajra li jibdew din l-esperjenza fil-familja tagħna jiġu ffurmati għall-istil ta’ ħajja li xtaqet minna Santa Tereża. Il-Knisja ta’ Santa Tereża ġewwa Bormla hi l-ewwel waħda li qatt ġiet iddedikata lil din il-Qaddisa Duttur tal-Knisja fid-dinja kollha. Nemmen għalhekk li Santa Tereża għandha soft spot għall-Provinċja ċkejkna tagħna. Ta’ Xbiex imbagħad hi l-parroċċa mmexxija minna. Daqt tagħlaq 50 sena bħala parroċċa, imma aħna ilna hemmhekk daqs sittin sena. Tas-Silġ imbagħad hi d-Dar tat-Talb immexxija minna. Din taqbel perfettament max-xewqa li kellha l-Omm tagħna Tereża li wriet b’ħajjitha li d-direzzjoni għal veru Riforma li dejjem hi bżonnjuża fil-Knisja hi s-sejbien ta’ Alla fil-ħajja tagħna u l-kuntatt miegħu permezz tat-talb, ‘din il-komunikazzjoni ma’ Dak li nafu li dejjem iħobbna’, kif tgħallimna l-Qaddisa nnifisha.

Naturalment, bħalissa, bħar-reliġjużi l-oħra f’Malta u fl-Ewropa kollha nħossu n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, imma nemmen li Alla se jkompli jaħseb fina, ukoll jekk bħala soċjetà ma jixirqilniex. Niftakru li kull soċjetà mmexxija mill-prinċep ta’ din id-dinja baqgħet tagħżel lil Barabba u tiskarta lil Ġesù, imma Alla l-Missier xorta bagħat lil Ibnu u dan għax il-messaġġ Nisrani hu dak li kull wieħed minna għandu bżonn jisma’. Il-ħmerija li s-soċjetà qiegħda twarrab minnha dik l-għajn ta’ ilma li tista’ taqtagħlha l-għatx u ddur għal perżut li qiegħed iżidilha aktar l-għatx.

 

4.     Issa li ġejt magħżul biex tmexxi l-Provincja tagħna bħala Provincjal, liema huma l-prijoritajiet tiegħek f’dawn is-snin li ġejjin? Tinsab ottimist fuq il-ġejjieni tal-Patrijiet u s-Sorijiet tagħna hawn Malta?

Biex nibda mill-aħħar domanda, iva jiena ottimist fuq il-ġejjieni tagħna għax din opra ta’ Alla u mhux tal-bniedem. Jista’ Alla jabbanduna xi ħaġa li hi tiegħu u li permezz tagħha jaf li jista’ jagħti dak l-ilma li l-bniedem tal-lum għandu tant għatx għalih? Ilna erba’ mitt sena hawn, u la Alla kien magħna dejjem, mhux se jabbandunana issa.

Biex inkun sinċier, l-għażla tiegħi bħala Provinċjal ġiet bħala sorpriża. Jiena la qatt ħassejt rabta ma’ kunvent partikolari u lanqas ma’ xi uffiċċju partikolari. Dak ta’ Provinċjal lanqas biss qatt għaddieli minn moħħi. Għidli x’għandi nagħmel u nagħmel mill-aħjar biex inwettaq dak li hemm bżonn isir. Dik hi l-filosofija tiegħi. Għalhekk malli ħareġ ismi, jiena lqajt din l-għażla minn idejn Alla, ukoll jekk jiena għandi l-fraġilità tiegħi. Veru li qabel ma tela’ s-Sema, Ġesù wegħedna li ‘se jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien’, u l-istess tikteb Eliżabetta, li anzi tgħid lil ħabib tagħha Charles Hallo, biex ‘jgħajtilha’ u hi ttir mil-post ta’ privileġġ li għandha fis-Sema biex takkumpanjah fil-battalji tal-ħajja ta’ kulljum. Nemmen li Eliżabetta hekk baqgħet tagħmel tabilħaqq, avolja hi stess tikteb li l-unika preokkupazzjoni tagħha fis-Sema hi li “tiġbed lill-erwieħ u tgħinhom joħorġu minnhom infushom biex jingħaqdu ma’ Alla permezz ta’ moviment kollu kemm hu sempliċi u kollu mħabba, u li tħarishom f’dan is-silenzju ġewwa fihom li jippermetti lil Alla li jistampa lilu nnifsu fihom u jibdilhom fih innifsu” (Ittra 335).

Jiena nemmen li s-Superjur mhux qiegħed hemm biex jagħmel xi ħaġa, jew biex iwettaq xi pjan li bih jibqa’ jissemma. Is-Superjur hu dak li jinteressa ruħu f’dawk li huma parti mill-Provinċja. Naturalment hu aktar faċli twettaq xi proġett li jidher u maż-żmien min iwettaqhom jaf jibqa’ jissemma (sakemm jibqgħu jiftakruh), imma x’jiswa’ dan kollu? Almenu lili ftit jinteressani dan kollu. Jiena l-aqwa li l-Mulej isibni denju li ningħaqad miegħu għal dejjem fis-Sema, u nibda minn issa ngħix din l-għaqda. Ma jixraqlix dan, imma fl-aħħar mill-aħħar għal dan imsejħin, din hi l-vera sejħa tagħna. Jiena nemmen li l-ħajja hi bħal dak iż-żmien li wieħed ikollu jqatta’ ta’ bilfors l-ajruport jistenna sa ma jissejjaħ biex jitla’ fuq l-ajruplan. Daqqa student, daqqa novizz, daqqa tkun Pirjol, daqqa Provinċjal u daqqa taqdi bħala patri bla uffiċċji ġo kunvent eċċ. Lili ma tagħmilli l-ebda differenza fejn inkun u x’uffiċċju jeħtieġ naqdi.

Insomma l-proġett tiegħi għall-Provinċja hu li nkun kemm jista’jkun qrib tal-membri tal-Provinċja tagħna. Avolja minn barra forsi ma nurix dan, imma mhux hekk is-sentimenti minn ġewwa, u nitlob ħafna għall-aħwa kollha, wieħed wieħed. Dan jgħodd ukoll għal ħutna s-sorijiet, kemm dawk ta’ Santa Margerita, kemm dawk ta’ Zephyr (fil-Kanada) u kemm dawk li jinsabu Tal-Virtù, ir-Rabat.

Għalija bħala Provinċjal, bħal meta kont Superjur fid-diversi djar tagħna, l-orarju u t-twettiq tiegħu hu l-aktar importanti. Imbagħad tiġi l-ħajja fraterna bejnietna kif dejjem xtaqet Santa Tereża. Naturalment bħala Provinċjal nipprova nkun viċin tal-erba’ kunventi ġewwa Malta billi darba fil-ġimgħa nżur lil kull komunità u ningħaqad magħhom għall-ikel u għat-talb, waqt li nitkellem personalment ma’ kull patri.

Imbagħad prijorità oħra hi l-promozzjoni vokazzjonali. Dan hu kamp diffiċli fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom. P. Karm qiegħed jaħdem ħafna, imma mhux kamp faċli kif diġà għedna. Nemmen imma li jekk wieħed jew waħda jiġu f’kuntatt ma’ Santa Tereża, ma’ San Ġwann tas-Salib u l-Mistiċi l-oħra tal-Karmelu fosthom il-magħrufa Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, ma jistgħux ma jagħtux ħajjithom kollha kemm hi lil Dak li fl-aħħar mill-aħħar tana l-istess ħajja. Meta wieħed jew waħda jgħid iva lil Alla għall-ħajja reliġjuża, ma jkunx qiegħed jagħmel ħlief dak li hu l-aktar naturali. Immaġinaw xi ħadd li tak kapital li qiegħed iħallilek 50,000 ewro interessi fix-xahar, u mmaġinaw li dik il-persuna titolbok ċenteżmu fix-xahar, kif tista’ qatt iċċaħħadlu dak iċ-ċenteżmu, jekk hu qiegħed itik ħames miljun darba aktar kull minuta milli int stess tista’ qatt ittih lura, ukoll jekk lilek dak li qiegħed tagħti jista’ jidhirlek ħafna, imqabbel ma’ dak li jtik Hu, jibqa’ ħmerija. Għalhekk Santa Tereża lis-sorijiet tagħha tgħidilhom li meta nagħtu ħajjitna lil Alla, ma aħna nagħmlu xejn speċjali ħlief li nħallsu ftit kera għal dak li tana Alla, bla ma jixirqilna, fosthom din l-istess ħajja, li aħna nkunu qegħdin ngħixuha għalih u għalih biss.

Barra l-patrijiet, għandna wkoll tliet kunventi li huma taħt il-ġurisdizzjoni tal-Provinċjal. Wieħed hu dak ġewwa Bormla nnifisha. Dawn nafhom mhux ħażin peress li fi tfuliti kont naqdi bħala abbati hemm ukoll. Il-monasteru ġewwa Zephyr, il-Kanada li ilu mwaqqaf ħamsa u għoxrin sena u li jżommu kuntatt miegħi kull ġimgħa permezz tal-email. B’danakollu minħabba d-distanza għad ma kellix ċans li inżur lil din il-komunità. Nittama li jkolli ċans is-sena d-dieħla li nagħmel dan. Min-naħa l-oħra kelli ċans inżur lill-komunità ta’ Morristown (USA) li minnha qiegħda ssir fundazzjoni ġewwa Tal-Virtù r-Rabat. Jalla li din il-fundazzjoni li issa ilha magħna sentejn, timxi ’l quddiem, u fil-futur qrib tibda timxi b’mod awtonomu mill-Monasteru li minnu qiegħda tiġi mwaqqfa, kif fl-aħħar mill-aħħar kienet wettqet matul ħajjitha l-istess Omm tagħna Tereża. Naturalment kull bidu huwa iebes u iebes ħafna, imma Alla żgur li qiegħed u se jibqa’ dejjem magħna, jekk qalbna tibqa’ tiegħu u tiegħu biss.